Monday 3 April 2017



Kull Meta Jitla’ L-Ajru.

Kif jinżel bħaċ-ċomb it-temp fis-skiet ta’ ruħi,
u għax għandi nirrispondi għal kull sajjetta
u noqgħod ħafna attent li ma naqlibx
id-dagħjjsa mmejla?

Jien nixtieq biss li noqgħod hawn bi kwieti
fit-tarf uman tal-art minsija
ninġarr f’kenur mingħajr moqdief ma kull kurrent
mingħajr ma niġi mġiegħel noqgħod naħseb
jekk hux ser naħbtu ma x’imkien jew ma xi sikka
inkella nduru dawra mejt fejn qatt ma kellna induru.

Ħajjitna għandha tkun bħal passiġġata
fil ġonna primordjali fejn ma kellniex għalfejn niftakru
u lanqas wisq nitħassbu. U min ġie b’dan il-ħsieb u ħassu mixli
ma jista’ qatt ikun ħabib għalija.

Jien missni qed niżżerżq fiż-żurżieqa
ma twassal għal imkien,
inkella passiġġier fuq ferrovija
li twassal ’l-hemm, lilhinn mix-xefaq.

Għalhekk tarani x’minn daqqiet li nagħmel f’qalbi
kull meta jitla’ l-ajru.

Alfred Grech

03/04/2017

No comments:

Post a Comment