Thursday 20 April 2017



Lill-Edukaturi.

Biex lilkom nistgħu nifhmu
Sax-xifer wassaltuna,
Naraw kemm kollox fieragħ,
U l-madmad libbistuna.

Kif kollox kien mod ieħor
U mhux kif għallimtuna,
Mill-angolu li tħares
U mhux fejn wassaltuna.

Kif kollox kien mod ieħor,
Mhux sagrosant kif ħsibna
U kollox  qed jinbidel
M’għadux dak illi sibna.

Kif kollox kien mod ieħor,
Mhux sagrosant is-sewwa
U dak lil tajjeb ħsibna
Stajt tilmaħ fih id-dnewwa.

Kif mhux ħażin jew tajjeb
Kif sata’ kien mod ieħor,
Id-dinja kif tagħmilha
Kif lanqas jaf ħaddieħor.

Għallimtu salt prinċipji
Biex bihom issawtuna,
Biex bdejtu l-lasti tbiegħedu,
M’aħniex tajbin għedtulna.

Biex kollox għal idejkim,
Hawnhekk fejn wassaltuna
Hawnhekk hi l-ħakma tagħkom
Bħat-tafal għaġintuna.

U bdejna bħalkom naħsbu,
Biex sirna ġugarelli,
Sakemm kien hemm mod ieħor
U sirna mbagħad ribelli.

Il-ħakma tqila tagħkom,
Mimlija silloġiżmu,
Tiskatta l-oppressjoni,
Tiskatta t-terrorożmu.

Allat tat-tafal kontu,
Tixxierku mal-potenti,
Ftit, ftit ilkoll qiegħedtuna
Fin-niċeċ opprimenti.

Biex ħloqtu ċittadini
Tal-merħla sokkombenti,
Li tobdi x-xewqa tagħkom
U tal-omnipotenti

Alfred Grech.

20/04/2017

No comments:

Post a Comment