Wednesday 19 April 2017



It-Tama Tagħna Fik.

It-tama tagħna fik għax aħna ġwejjda;
Nieqsin mis-saħħa, wkoll neqsin mil-ħila,
Irridu nemmnu fik, għax l-aqwa wieħed
Li faqqas dan il-moħħ minn fuq it-tila.

Irridu nemmnu wkoll lilhinn mill-ħajja
Li trid tispiċċa hawn dil-freneżija,
Għax ma jistax ikun fix-xejn jispiċċa
Dal ħafna strobju, u tibqa’ l-mistoqsija.

Irridu nemmnu wkoll li hemm ħajj’oħra
X’imkien fejn isir ħaqq u ssir ġustizzja
Għax ma jistax ikun quddiem għajnejna
Titkompla u tittrrepeti dil-ħniżrija,

Ta min igawdi biss u min ibati
Ta min jitwieled prinċep jew jittallab
Ta’ min li jrid qed jagħmel u ħaddieħor
Mal ewwel żball li jagħmel hemm jissallab.

X’imkien dan il-miżien jiddaqqas f’sikktu
U minn f’did-dinja l-ħajja għex ħażina,
Irid x’imkien ipatti għal-għermilu
Bl-invers għal min dil-ħajja mhix ħanina.

Gfħax jekk għal-bniedem tfisser inġustizzja
Bl-istess miżien u kejl issir tpattija,
Inkella ma nifhmux is-sens tal-ħajja
U għaliex f’did-dinja hawn daqshekk tbatija.

Trid tkun tassew krudil u qalbek iebsa
Li ttina l-għerf u l-għodda tar-raġuni,
Imbagħad titlaqna hawnhekk bħal gladjaturi
Qalb bosta klieb feroċi u qalb l-iljuni.

U fl-aħħar kollox jidher illużżjoni,
Ma ġibna xejn, ma ħadna xejn xħin spiċċa
Dat-tejatrin assurd mingħajr il-prova,
U bqajna ma ntbaħniex xhini dil-biċċa.

Trid tkun tassew krudil u qalbek xierfa,
Biex tfjatna hawnhekk fid-dlam bla spjegazzjoni
B’dal-moħħ li jird xi darba jaf u jifhem
Għax bit-tbatija t-triq tas-salvazzjoni.

Biex fl-aħħarnett insibu l-preċipizzju,
Jekk għad naħarbu l-morsa tal-arena,
Nistaqsu x’ġejna nagħmlu hawn f’did-dinja
Jekk dan l-uġih jiswiex il-ftit tal-hena.

Alfred Grech

19/04/2017 

No comments:

Post a Comment