Monday 24 April 2017



Għix Issa.

Il-massa mhix konxja
Tal-ego sfrenat,
Il-ħażen li jiġri
Li jsawwar l-Istat;

Li joħloq id-drama
Li joħloq il-ġenn,
Dal qafas, fi ħdanu
Mintix se ssib kenn.

Li joħloq il-gwerer
Li joħloq il-hemm
Il-ġiri u l-isfidi
Li tifhem bil-kemm.

Kull meta jixxierku
Tnejn u aktar min-nies,
Hemm biss distorsjoni
U drama bla qies.

Imqar xħin tkun waħdek,
Trid toqgħod attent
Mid-drama li toħloq
Biex tagħmlek kuntent.

Xħin lilek innifsek
Titħassar mhux ftit,
Qed toħloq teatru,
Tixxala kemm trid.

Tistenna li jiġri
Dak l-inti tixtieq
Hemmhekk l-istennija
Tal-ego fid-dieq..

Kull meta l-imgħoddi
Tirxoxta, għaliex?
Inkella l-ġejjieni
Li għadu ma ġiex.

Qed toħloq l-ispazju
Fejn jimraħ mhux ftit
Il-moħħ li bi ħsiebu
Ikattar l-aptit.

Tkun tinsa li l-ħajja
Trid tgħix fil-preżent,
Kull waqt u kull ħtieġa
Biex b’hekk tgħix kuntent.

U twaqqaf il-ġlieda
Ġo fik bħal ħurrieq
Bejn dak illi huwa
U dak li tixtieq.

Alfred Grech
24/04/2017


No comments:

Post a Comment