Saturday 1 April 2017



Qed Infittex. *

Qed infittex ix-xintilla
Biex tqajjimni minn dan ngħas,
Qed infittex dik l-iskuża
Biex għażżien ma jkunx f’kull ħaż.

Qed infittex is-sorpriża
U malajr għaqqadt il-ponn,
Kien dover inkella ħaġa
Trid issir, għax hekk hemm bżonn.

Qed infittex illi nitlaq
U ma nara ‘l-ħadd u xejn,
Immur niġri qalb il-beraħ
Ma nistaqsi qatt għalfejn.

Qed infittex li nkun bħalhom,
Imma bħalhom ma nistax,
U nispiċċa għalhekk imdejjaq
Għax għalija ma jibqax.

Qed infittex bħal ħaddieħor
U f’idejja sejf misnun.
Qed infittex li nixbaħhom
U dan qatt ma jista jkun.

Alfred Grech
01/04/2017.


* B’dedika lil Mariella Abela li dalgħodu nkoraġġietni biex nikteb poeżija posittiva għax il-poeżija bl-isem “Filgħodu” kienet wisq dipressanti.

No comments:

Post a Comment