Tuesday 1 October 2019


Image result for the ugliness of Malta


Kollox Trab Kollox Deżert.

Il-feriti li jagħmlu bħad-dlam tal-lejl
l-avultuni li jħobbu jerdgħu
dak li jħalli ħaddieħor
il-priża tat-titani
li ċedew kollox quddiem il-qawwa moqżieża tal-allat.
Irħula sħaħ jinħallu fil-brodu
Tal-ġeġwiġija li ma tafx rażan
Toqob tal-ħamiem, barumbari twal sas-sema
Griebeġ tal-fniek li ma jgħammrux
U l-art timtela’ bl-id it-twila tal-iskavaturi
U karrijiet sproporzjonati jferrxu trab id-dinja.
Imnalla l-poeżija għada taf timla’
l-ispazji ta’ bla tmiem tal-univers
u tgħallmet trabbi l-ġwienaħ biex tittajjar
il-fuq mis-sħab, lilhinn mill-ilmijiet.
Lanqas jibqa’ minn fejn tgħaddi
Għax kollox maħtuf, kollox meħud,
Triqat mhumiex triqta, xtajtiet mhuumiex xtajtiet
Maqlugħa s-siġar minn għeruqhom
U djarna saru ħabs
Biex minn fuqhom jittajjar, jittawwal
l-avultun mekanizzat ta’ mingħajr xebgħa
jew qamar ieħor qisu ċassa
Jittewweb ix-xewqat.

Issa qalulna li dan u biss il-bidu
Ngħollu iżjed u nħaffru aktar l-isfel
U hawnhekk ma tidħlux, hawnhekk privat
Privileġġjat fejn jiskru biss l-allat t’olimpu.

U jekk lanqas biss baqa’ fejn nibnu?
Lanqas ghaħndna fejn noqgħodu?
Nisirqu l-art mill-baħar
Biex nonfħu aktar bżieżaq
Inferrxu l-konfetti tax-xewqat u tal-wegħediet
Biex jitkattru n-nies li jaħdmu
Biex il-jasar b’hekk jiżdied.

L-art ta’taħtna ma tiflaħx it-toqol kollu
l-arja ma tissaportiniex
il-kruha ta’ madwarna
serqilna l-ferħ u t-togħma tas-sabiħ.

Il-ħsejjes tar-raħal dagħjfa wisq
Lanqas ir-riħ m’għadu jaf jintona l-kordi
Lanqas l-għasafar m’għadhom iġorru
Wiċċ ir-raħa sfuġurat
Bħal tfajjel miblugħ li tilef l-ommu.
Sabu ż-żibel ħafna skart
Qalu nibnu triq fil-baħar
Nagħmlu mina minn taħt l-art
Għaliex issa trab sar kollox
Għaliex issa sar deżert
B’risq il-kuntratturi, l-ispekulaturi
U dawk kollha li jerdgħu magħom.

Alfred Grech
01/09/2019

No comments:

Post a Comment