Monday 21 October 2019




Image result for the pool of Siloam

Xi Minn Daqqiet.

Xi minn daqqiet jien ngħir għalikom
li tmorru fit-tempju darba fil-ġimgħa
tinħaslu mill-ħmieġ kollu u mill-lanżit
u ttellgħu l-offerta fuq il-mitbaħ.
Inħossni eżultat
inħossni eżaltat.
Xi minn daqqiet jien ngħir għalikom
ħerġin mas-sieħeb jew mas-sieħba
liebsin l-ilbies ta’ nhar ta’ Ħadd.
Xi minn daqqiet jien ridt ninħasel bħalkom
fl-għadira ta’ Siloam
iżd’ebda anġlu  ma mbuttani.
Jekk nitgħammed bil-magħmudija tax-xewqat
xi darba għad insir ħieles.
Iżda  s’issa għadni dgħajjef
u għalhekk bdejt nimxi kura
infittex lili nnifsi

Alfred Grech
22.10.2010

No comments:

Post a Comment