Friday 23 December 2016



Bejna Dan il-Waqt u l-Ieħor.

Bejn dan il-waqt u l-ieħor
Hemm biss l-eternita’,
Jekk jirnexxielek tifhem
Mintix fl-oskurita’.

Bejn dan il-pass u l-ieħor,
Xħin tfittex ma ssib xejn,
Hemm dit-taħbita u l-oħra
Tqanqila tagħna t-tnejn.

Bejn dan il-ħsieb u l-ieħor,
Issib għarfien ir-ruħ,
Tifhimni għax mal-ewwel
Sirt taqra’ wkoll l-imħuħ.

Fil-ħemda ta’ dil-lejla,
Ma nafx jekk tkunx hawn qrib,
Int tisma tpespis ruħi,
Li fik serħan issib.

Fis-skiet tal-lejl hemm dalma,
U f’qalbi hawn is-swied,
Hemm dwal ipetptu jgħaġġlu
Li żgur mhux tal-Milied.

U fost il-ħsejjes kollha,
U l-ġiri ta’ kulljum,
Hemm int quddiem għajnejja
Li nsibek malli nqum.

Bejn dan il-waqt u l-ieħor,
Id-dinja bejn ħaltejn,
Hemm l-infinit jifrida
U l-biza’ tagħna t-ntejn.

Alfred Grech
23/11/2016



No comments:

Post a Comment