Monday 19 December 2016




Imm’ Hemm Tentattiv Ieħor.

Imm’ hemm tentattiv ieħor li ridt nagħmel,
Hemm kolp li ma jiswiex,
Kolp ieħor tal-aħħar
Ta’ min hu ddisprezzat.
Bħal dawk l-għannejja li jgħannu
L-imħabba qisha akkwist,
L-imħabba-ossessjoni.
Kuljum nitgħallem miegħek
X’inhuma dawk l-ispazji li tinħtieġ,
Biex terġa’ ttini prova
Li bqajt ma tgħallimt xejn.

Imm’hemm tentattiv ieħor
Bħad-dehra tiegħek f’nofs id-dramm
Li tagħti lok għal meravilji
Għal ħafna kutrumbajsi
Tal-ħsieb li ħsibtu mnebbaħ
Tal-ħolqa li m’għalaqtx,
Tax-xewqa f’ċirku imdendla.

Imn’alla ma kellekx ftit ħin għalija,
Għax dejjem impenjata,
F’dibattitu bla tmien bejn mewt u ħajja,
Bejn dak li trid u dak li jaqbel.

Bħal dawk l-għanjiet li jgħanni kull poeta
Li jibdlu l-ħajja ta’ kulljum.
Imbagħad staqsejt għaliex weġġgħuni
Jekk jiena nogħola fuq is-sħab?

Alfred Grech

19/12/2016

No comments:

Post a Comment