Tuesday 27 December 2016



Inżel Ja Dalma.

Inżel ja dalma lejlija ħa tnissi l-ennui
Jinqela’ ġewwa taġen il-ħin moħli,
Ifraħ ja qamar mistħi għax m’għadekx
Tkebbes ġewwa fija l-ġamar tal-ħuġġieġa
F’nofs kamp taħt sema ndifferenti.
Ifraħ, għaliex is-skiet ta’ din il-lejla
Jifdi d-dwejjaq u l-uġiħ inċidentali,
U int ja poeżija, ejja kemm trid
Busni, igdimni aħraqni għax jiena
Ngħix ġo din id-dinja, nawfragat
Fil-baħar infinit tal-ħela tiegħek.

Ejja u iktibli b’ilsna tan-nar fuq sidri
Tatwaġġ ta’ dak li huwa xieraq
Biex inkun naf hux qed nistordi
Inkella qed niġġennen.
Jew naħseb l’għad niltaqgħu
Biex tgħidli x’ikun dak li jafu biss il-kwiekeb.

Inżel ja dalma lejlija
Għax xħin inkun fil-beraħ
Jiżdiedu dawk l-ilsna tan-nar
Ġo fuklar imġemmed bir-rimorsi
Mas-serħan li tfittex lejla twila
Biex jiswieli f’dak kollu li rrid niftakar
L-għada.

Alfred Grech.

27/12/2016

No comments:

Post a Comment