Wednesday 20 July 2016



F’das-Skiet li Qed Jaħfinni.

F’das-skiet li qed jaħfinni,
Inħossok tersaq qrib,
Fil-baħħ fejn trid tintilef
Fis-serħ li rrid insib.

Fil-firxa bla konfini,
Fl-eternita’ bla waqt,
Nagħarafha l-għanja tiegħek
Fix-xejn li jmut dalwaqt.

Għad-dawl ta’ qamar kwinta,
Fil-ħemda ta’ bil-lejl,
Jien negħereq ġo ferħ għami,
Fl-immensita’ bla kejl.

M’għandix bżonn tabernakli,
M’għandix bżonn ta’ xi nvit,
Tinsab int hawn maġenbi,
U jien ninħall ftit, ftit.

Il-bogħod mid-daqq tat-trombi,
Is-skiet iwelled ħoss,
Il-bogħod minn għajn ma tara,
Qed nara bla ma nħoss.

Għax inti, inti kollox,
U kollox mhuwa xejn,
U dak li mmiss b’idejja,
Turini mnejn sa fejn.

Alfred Grech

20/07/2016

No comments:

Post a Comment