Monday 25 July 2016



Fuq Ix-Xurbebb.*

Hawnhekk il-barka t’Alla,
Il-qawwa tal-ħolqien,
Il-fwieħa li tinfirex
U timla kullimkien.

U tista’ tibqa’ sejjer
Mal-blat ta’ kull kulur,
Max-xifer ta’ rdum għoli,
U tista’ tibqa’ ddur.

Hawnhekk spettaklu ieħor
Jinbidel ta’ kuljum,
Il-ħoss qalil tal-baħar
Fis-skiet bin-nifs miżmum.

Hawnhekk ir-ruħ tittajjar
Il-bogħod mill-ħafna ġenn
Ta’ nies ma tafx x’ser tagħmel,
Hawnhekk hawn ftit tal-kenn.

Hawnhekk sar kollu tiegħi,
Safejn trid twassal l-għajn,
Passaġġi ġol-għelieqi
Li jsallbu mal-oħrajn.

Hawnhekk ħadd mhu se jlumek
U tista’ tgħid li trid,
Xi serp minn taħt xi blata
Jiskappa bħal għafrid.

Hawhekk il-beraħ jifrex,
Hawn kollox qed għal kwiet,
Hawn m’hawnx minn jista’ jaħtaf
U jitfa’ biss fil-bwiet.

U lanqas min ipatti
Għalxen, jew għax kattiv,
Il-ħsejjes infernali,
Bl-istorbju awdjoviżiv.

Hawnhekk id-dinja tieqaf
Hawnhekk jirrenja s-sliem,
Hawnhekk m’hawnx min qed jirfes,
Hawn kalma kullimkien.

Hawn biss iż-żiffa tmelles,
Ir-riħa tal-busbies,
Il-paċi tan-natura,
Hawnhekk il-bogħod min-nies.

Hawnhekk jien nerġa’ niġi
Għax jiena ma rrid xejn
Ħlief noqgħod ftit bi kwieti,
Għax ngħaġġel m’hemmx għalfejn.

Alfed Grech.
25/07/2016






* Ix-Xurbebb huwa pajżaġġ sabiħ li jagħmel parti minn Kercem, raħal twelidi.

No comments:

Post a Comment