Thursday 21 July 2016




Inti Li Kemm il-Darba.

Inti li kemm il-darba
Għasarthom bħal lumija,
Biex ħadt li ridt mingħandhom
Imbagħad spiċċaw mal-bqija.

Inti li kemm il-darba
‘L-fuq mis-sebgħa sema
Għollejthom kemm il-darba,
Ħallejt in-nar jinħema.

Sal-ġenna fl-art wegħedtielhom,
Imbagħad ħallejthom jaqgħu
Mingħajr m’hemm xejn jilqagħhom
Bħal bżieżq li jinfaqgħu.

Inti li kemm il-darba
Għedtilhom ser tinbidel,
Li mhux ser tidneb aktar,
Imbagħad spiċċajt fiż-żibel.

Inti li kemm il-darba,
Il-ħsieb bħal ferrovija,
Ħarist u rajt fil-mera
Waqajt għall-istmerrija.

Inti f’salib it-toroq
Staqsejtha kemm il-darba
Liem’ hija t-triq it-tajba
U sibt li kienet ħarba.

Inti li jista’ jkollok
Is-saħħa u l-burdata,
Tixxabbat ma ħajt wieqaf
Sa togħola sal-quċċata.

Issib li ruħek ħarġet
Bdiet togħola ‘l-fuq mill-ġisem,
Għalkemm tinsab fil-merħla,
Tinħtieġ il-lejl biex tifhem.


Alfred Grech
21/07/2016.


No comments:

Post a Comment