Friday 13 October 2017



Assurdi.

Assurdi li qed ngħixu ġo din l-arka,
Imċaħħda milli nafu x’hemm hemm barra,
Jew x’hemm lilhinn mix-xefaq fl-illużżjoni
Li din arka magħżula minn dawk l-oħra
Li hemm fil-wiċċ jitbandlu qalb il-ħalel.
Inħarsu f’wiċċ ir-riħ li jisfidana
U nemmnu li hemm qawwa ogħla minna
Inkomplu għaddejjin fuq wiċċ il-baħar
Inkella ma nemmnux f’dan l-ekwilibriju
Li nafu u ma nafux, fi vjaġġ fatali.

Assurdi li bħal qlugħ bla riħ battala
Għażilna l-avventura minn-nawfraġju,
Qed ngħuma f’nofs dal baħar ta’ bla xefaq
Mitlufa f’oċean indifferenti.
Li missna hawn qiegħedin ħadd mhu se jaħlef,
Jew jekk qiegħedin hawnhekk hekk kienx imissan,
Intbaħna wkoll li hemm oħrajn qed jegħerqu
Li għandhom bżonn ukoll l-għajnuna tagħna.

Alfred Grech

13/10/2017

No comments:

Post a Comment