Tuesday 10 October 2017


Moħbija Tkun Fil-Qratas Żagħar Mormija.

Moħbija tkun fil-qratas zagħar mormija,
Mingħajr ma ħadd jindenja jagħti kashom
Għax toħroġ trid bħal meta l-poeżija
Minn bejn ix-xquq tal-art bl-asfalt mogħottija.
Bħal verita’ li tista’ mank tingħaraf
Mil-li tagħllimt jew għadek qed titgħallem
U ssib li xejn ma jiswa’ dak li jgħidu
Bil-qwiel u l-għerf li nġemgħa tul is-sekli.
Is-sewwa kien u għadu u jibqa’ moħbi
Ikkammuffat  taħt strati skart u żibel
Li nġema’ jew bi żball jew sforz il-bniedem
U trid issibu b’lenti ftit  qawwija.
Waħedha toħroġ din bħal-poeżija
Bħal għanja mingħajr ton u ta’ bla ritmi.
Kien żmien  fejn kont sabiħa u attraenti
Illum li xagħrek bjad u l-ġilda tkemmxet
M’għadekx b’dik iż-żegliga timxi dritta
Dublett qasir żarbuin b’takkuna twila
U jiena bħall ħaddieħor wiċċi ndawwar
U nerġa’ nara sew jekk kontx rajt sewwa
U nerġa’ nagħraf lilek għall-darba oħra.
Għax mhux tassew li ż-żejta f’wiċċ l-ilma jitla’
Trid togħdos wisq fil qiegħ u tfittex sewwa
Biex għad xi darba ssib dik ix-xintilla
Il-bogħod mill-ħars tan-nies, ’mma nsibek fl-aħħar.
U mingħalija tgħaddi bla ma nafek
U tgħaddi tisfen żifna li tinagħraf
Sakemm isir il-lejl u mbagħad tinħeba.
Xħin insibek  inħossni mort imqarraq
Għax kont ħlejt ħafna żmien indur u infittex
Met’inti kont qiegħeda hawn, hawnhekk biswiti.

Alfred Grech

10/10/2017

No comments:

Post a Comment