Saturday 19 May 2018






Min Se Jwaqqaf Din il-Pinna?

Min se jwaqqaf din il-pinna
Min se jwaqqaf dawn il-vrus,
Min se joħnoq dina l-għanja
Jew iħarbex dawn il-ħżuż?

Taċ-ċensura? L-injoranti?
Imħallfin ma jifhmu f’xejn?
Min se jagħmel is-sarima,
L-issikkar, għaliex? Għalfejn?

Kemm il muża ġejja l-lejla?
Il-kitarra ma taqtax,
Jien intambar u niżvoga
Nibqa’ mtarrax, ma narax.

Għal min jaf irabbi l-ġwienaħ,
M’hemmx fruntieri u mħemmx ħitan,
Jibqa’ jogħla, jibqa’ jidwi
Sa ma jkeċċi mqar xitan.

Lilek ngħanni u nerġa’ nikteb
Lilek ngħanni għax taf kif tmur
Int li bħali drajt ir-ritmi
U taf tbiddel il-kulur.

U taf togħla, tmiss il kwiekeb,
Terġa tinżel tmiss il-qiegħ,
Ħadd ma jdejjqek, ħadd ma jżommok
Terġa’ togħla minnufih.

Ejja miegħi, min se jżommna,
Min se jqasqas il-ġwenħajn?
Dawk li baqgġu hemm iseksku?
Dawk fil-qatta’ ma l-oħrajn?

Ejja miegħi f’din il-firxa
Taħt is-sema kull kulur
 Jista’ jkun li qatt ma naslu,
Imma d-dinja tibqa’ ddur.

Hawn qiegħdin fl-istratosfera,
u tistaħba ma tistax,
l-arja rqiqa, l-għanja tidwi
Poeżija ma taqtax.

Alfred Grech
12/05/2018

No comments:

Post a Comment