Tuesday 8 May 2018





U Issa.

U issa ġejt hawnhekk f’nofs dan l-istorbju
biex mingħalija nderri qalb il-folla
tassew li qiegħed hawn mhux għax ridt jiena
iżda għax emmint fi ħniena kbira
li mhix tas-soltu.
Għax bejn il-ħafna dagħa jew il-foħrija,
m’hemm xejn, m’hemmx vers li jaqsam,
u dak li qiegħed nara hawn quddiemi
mhux dak li int kont wiegħedtni.
Nista’ wkoll noqgħod undur u nimxi l-mixja
tal-ħabel issikkat għax mingħalija
għadni dak l-ekwilibrista li rnexxielu
jasal s’hawn.
Iżda mbagħad jekk tistaqsini x’sejjer nagħmel
inwieġbek li ġo fija
ma jibqa’ ebda sens ta’ ħajja.
Bħalkieku jiena naf x’inhu
s-sens tal-ħajja!
Nista’ wkoll nimmira noqgħod
lejn xefaq id-destin
u ngħod is-sħab u t-tajr tal-ajru
u nqis ruħi ta’ miskin.

Alfred Grech
08/05/2018

No comments:

Post a Comment