Tuesday 22 May 2018


Image result for beyond good and evil landscape

Ftit Hemm, Jekk Hemm.

Ftit hemm, jekk hemm, li jistgħu jifhmu
kif minn ġewwa l-ermitaġġ ta’ ruħ imnikkta
joħroġ is-skiet immakulat
fejn stajt issib it-tweġibiet
biex tagħaraf l-eżistenza.
Tispiċċa titfarrak fuq is-sikek
tal-ġenn immaġinarju.
Jien ridt inkun l-imgħallem mhux ta’ li ktibt
iżda li nkaxkar għal warajja l-ġemgħa
li daqet ftit mill-għasel trasfiguranti.
Għax xħin immorru lura
għad-dell ta’ dak li mhux
insibu t-triq it-tajba lil hinn minn dak it-tajjeb
li lilna kienu jagħllmu
lilhinn mit-tajjeb u l-ħażin
il-ħelsien minn dawk l-iħirsa
bħad-dellijiet li għadna nfittxu.
Kif tista qatt tistaħba minn dik ix-xemx
li qatt ma tinżel,
inkella taqta’ qalbek ta kull darba li jgidulek
li xagħarek hu magħdud
jekk int trid tibqa’ tħallat
l-eternita’ max-xejn?
U toqgħod ta’ kull darba taqbeż it-tfixkil
li mhuma xejn għajr barrikati?
Jew inkella titfixkel f’kobba mħabba li t-truf tagħha
huma xejn għaj il-kontradizzjoni?
Xħin tibda tiela’ t-taraġ
issib li żlaqt mill-ġdid,
il-mira tispiċċalek u t-tweġiba ma ssibiex.
Jien ġejt infittex bħalek u bħalek ma sibtiex
hawn kienet kemm il-darba
is-saltna tas-smewwiet imm’issa għalxein
għax issa għebet jew għad trid terġa’ tiġi.
Imbagħad jekk terġa’ tiġi u tgħidli ma jiswiex
ifisser minn dan kollu
int għadek ma fhimt xejn.

Alfred Grech
22/05/2018


No comments:

Post a Comment