Thursday 10 May 2018




Lil Sharon.

Int għandek l-oċean midfun ġo ruħek
għax tgħix fil qrib u tgħix lilhinn mix-xefaq.
Fil-qiegħ tat-tqanqiliet u tal-passjoni
lilhinn minn kull disinn jew kull tifsila.
Is-saħħa t’uragan iġġorrha miegħek
it-tmun f’idejk b’kuraġġ u ntuwizzjoni
ma tibża’ qatt tisfida xi burraxka
u taf kif lir-riħ tgħannaq ta’ kull darba.
Iżżomm fuq il-quċċata ta’ kull mewġa
u turi lil ħaddieħor id-dawl tiegħek.
flimkien mad-dlam fiż-żoni nebulużi
iżżomm mistur għalik. għelm tal-imġarrba.
Għax għandek it-tempesti ġewwa sidrek
u l-fwieħa tal-ward f’Mejju fuq il-ġilda,
int għandek minn tal-baħar f’nofs awwissu
u taf tixtarr tal-infinit il-qawwa.

Alfred Grech
10/05/2018

No comments:

Post a Comment