Monday 21 May 2018




IL-LEJLA ĠEJT INFITTXEK.

Il-lejla ġejt infittxek qalb il weraq u l-ħuxlief
paralizzanti fid-dawl tal-għabex
u naf li jekk tassew insibek, bil wisq inkun nissogra.
Il-lejla ġejt infittxek kontra l-fewġa
li tilgħab ma ħuġbejja u qalb is-siġar,
treżżaħna daqs li kienet fewġet il grigal.
Iżda lilek ma sibtekx ja kewkba siekta
li  tfeġġ kull meta trid fit-tard ta’ jum bla fejda
tisfida s-skiet ta’ vespri antikwati.
Illum intlift ma mewġ il-baħar qawwi
fil-qilla ta’ ġo sidri għax lilek ma lmaħtekx.
Imqar fis-skiet tax-xejn tal-ubbidjenża
fejn soltu tkun tistaħba biex taħsadni
u tneħħili dan it-toqol ta’ jum inutli ieħor
lilek ma sibtekx u stennejt bħal riħ ivenven
jerġa’ jqajjem dawk l-iħirsa tal-imgħoddi
midfuna fis-sepolkri li minn fuqhom
ngħaddu ta’ kulljum.
Bqajt ma ġejtx, u jien bħal werżieq disaapuntat
erġajt lura ħalli nagħmel tewba ġdida biex ix-xewqa
li xi darba għad tirxoxta issir notturn ieħor.
Jien naf li l-ġonna ta’ Mejju mhumiex tassew mimlija ward
għaliex bħali hawn bil bosta li qed jemmnu
fil-magħmul ta’ Mejju mirjieħ.

Alfred Grech
21/05/2018

No comments:

Post a Comment