Sunday 13 January 2019


Fi  sliem li ma jsellimx
maqsum fi tnejn u mperreċ
mal-mewġ li ma jidhirx
tiela’ u nieżel
u l-moħħ li ma jsegwix
id-dwejjaq li jwersqu,
wiċċek jitfaċċa ipotesijiet possibbli
jistkennu għad-dell tad-dielja
jissemmew l-urieżaq muti
jsajjru l-għeneb li ma jxenxilx.

Jiena u inti
nistkennu  taħt dil-ħarruba
li taf il-ġrajja tar-raħal.
Nistħajjlek kont sibilla tħares lejja,
b’idejk marbuta
u bi tbissimma fuq xofftejk
bħal donnok taf li dad-destin
mhuwiex għalina,

Fuq mewġ il-baħar jaslu dawk l-aħbarijiet
li ma rridux nisimgħu
it-tħabbir mingħajr id-daqq tat-trombi
jew dak li konna nafu
fil-purċissjoni ta’ wegħedet
li darba konna għamilna lil xulxin
u taf ukoll li l-ħalf li konna ħlifna
m’għadux jorbotna.

Alfred Grech
13/-1/2019

No comments:

Post a Comment