Monday 17 September 2018



Image result for timelessness
Kif Tista’ Tgħix Għal Dejjem?

Kif tista’ tgħix għal dejjem
jekk darba qatt ma kont,
Jekk qatt ma kont xi ħaġa
jewk kollox kien rakkont?

Int kont biss fi sbuħitek
għal waqt hekk dejjem bqajt,
mhux fama għal min jiġi
jew dak li qatt ma rajt.

Jien xtaqt li mqar xi darba
għad nilħaq dak l-istat
mingħajr ma qatt ninbidel
għal dejjem iffissat.

Xi ħaġa tkun inbidlet
u nħossni xħin inqum,
m’għadnix kif kont il-bieraħ
u mmut ftit ftit kuljum.

U xħin tiltaqa’ miegħi
issib li jien inbdilt
ġurnata wara l-oħra
mingħajr ma tkun tfixkilt.

U fl-aħħar xejn ma jibqa’
mank dak li hu pinġut
m’hemm xejn xi treġġa’ lura
jew seta kien tradut.

Għax aħna żmien jinbidel,
u tgħid ġejt il-quddiem
u tieħu dak li jiġi
bis-sabar u fis-sliem.

Għalhekk kif trid li tibqa’
jekk darba qatt ma kont,
u lanqas għal waqt wieħed
ma qatt tajt rendikont?

Alfred Grech
18/09/2018.


No comments:

Post a Comment