Wednesday 26 September 2018


Image result for building db group

L-Oxxenita’.

Fl-aħħar sabu ż-żejt jew il-minjieri tad-deheb
Huma li draw iħarrku d-dras tal-ingranaġġ
U tal-inerzja
Ipejjpu d-dlam supra statali supra naturali
Jikkontemplaw l-asppartamenti tal-miljuni
Li jinbiegħu fuq il-pjanta virtwali ta’ din l-art ħelwa
l-Omm li tagħtna isimha,
bil-miljuni tal-miljuni imferrxa u ma jistħux
biex jiftaħru li n-negozju qiegħed jikber
mal-investiment u mal-ekonomija.
Aħna nippublikaw il-poeżija oxxena
Fuq il-bibien u twieqi tal-irjus
Imbagħad nistaħbew fil-kmamar imnaqqxa
Bl-umdita xħin huma joħorġu flushom bil-gżuż
Fil-bramel taż-żibel
Bl-ilbies ta’ taħt imtabba
U noqgħodu nisimgħu il-leħen
Tal-biża u tat-terrur li jinfed il-ħitan taċ-ċelel.
Hekk huwa l-ġejjieni ta’ nazzjon mgħedi fit-tenessija
Tal-aljenazzjoni u l-affluwenza
Li issa beda jobżoq in-nirien fil-bibien ewlenija
Tal-lukandi tal-ħames kwiekeb
U aktar ixxarrab bil-pitrolju
Tal-ħwienet tax-xorb u t-tabarini.
Saret purgatorju ta’ did-dinja
Li tgħaddi minn triqat u tibla’
Kull ma jgħidu dawk li jaħsbu u jitkellmu għal-ħaddieħor
Għalina, għalihom għal kullħadd.
Noħolmu l-ħolm tad-drogi
Tal-ħmir il-lejl u tal-profeti foloz wara ljieli
Ta’ bla rqad, ta’ drogi,tal-alluċinjazzjonijiet
U tal-aljenazzjoni.
Għaddejjin minn toroq li ma jwasslu għal imkien
Minn sqaqien għomja bħall-iħirsa li jidhru
Iżda li mhumiex għajr il-bnedmin
Li magħom niltaqgħu ta’ kulljum.
Dawn huma l-istejjer li jixxardru fuq l-Aħbarijiet
Il-ħrejjef tal-mogħodija taż-żmien.

Alfred Grech
26/09/2018


No comments:

Post a Comment