Sunday 11 November 2018




Remembrance Day  2018

Ħalluhom lil dawk li minghalihom
ifejjqu l-ġrieħi tat-tifkira u jserrħu l-kuxxjenza tagħhom
iqiegħdu l-ward mal-monumenti
biex ifakkru dak iż-żmien
meta l-kanuni kollha mmutaw. . .
għax il-kanuni ma mmutawx
għax għadhom jiġġerrew u jsibu kenn
dawk l-imsejknin li jaħarbu mit-tiġrib
u mit-tiġrif ta’ djarhom u dak kollu li
jafu u li hu għażiż għalihom.

U ma joqgħodux dawk
ixerrdu d-dmugħ tal-kukkudrilli
iġeddu t-tifkira ta’ min ħalla ħajtu
ghat-twemmin, għal artu jew għal kull skuża battala
li bellgħawlhom is-setgħana,
dawk li jibgħatu l-ħrief għal qatla.

Lil mejtin mhux it-tifkira iżda l-ħalfa
li ninżgħu il madmad tas-setgħana
ma nobdux
ma nservux
ma npaxxux
u nirvellaw
kontra kull min ikeskes
bniedem kontra ieħor.

Alfred Grech
11/11/2018.







No comments:

Post a Comment