Friday 30 November 2018


 Image result for confinement

Sussulti u skossi fil vojt.

Sussultu u skossi fil vojt,
ta’ min qed jgħix il-ħmar il-lejl
fis-saltna tas-sokor bla rażan
ta’ dak li jidher biss minn barra,
Fl-inħawi fejn għexet il-muża
fil-fissuri ta’ rdumijiet il qodma
ta’ din l-art issa mraret
ta’ dan il-poplu li nesa’ l-għeruq tiegħu.
fid-dezert ta’ ħemda tibki
l-artifiċjalita’ ta’ dak li jilma
li saħansitra sar itenni
l-mewġiet u l-ondati ta’ duħħan
fl-isfidi li jagħmluħ bżieżaq tar-ragħwa
xħin jiltaqa’ mal-baħħ u x-xejn.

Dan l-għajjat li jtarrax
u jfixkel l-għeliem li jridu juru t-triq
it-triq ta’ dak li huwa sostenibbli
li xejjen u xekkel u xeblek
kull talba kul tama li jiżraq
minn fost id-dlamijiet dawl ġdid
fil grif tal qoxra ta’ barra tar-ruħ
u tal-uċuħ laminati, tal-ġenn, tad-delirju
u tal-freneżija.

Issa intom allat minuri ta’ dil-quċċata
li qatt ma ġabet ruħha
ta’ dan il-kredu u dat-tagħlim li ħadd
li ħadd ma jemmen fih
għamiltu minn din l-art il bejta
tal-ħallelin,
ħallulna nitolbukom
imqar merżuq ta’ dawl u ftit tal-arja
sabiex nieħdu ftit tan-nifs
u nimirħu ftit fil-ħdura u fil-wesgħat
ta’ żmien il-ħaġar.

Alfred Grech
30/11/2018



No comments:

Post a Comment