Wednesday 6 March 2019


Related image

Hekk Biss.

Li Jiġri huwa
li l-għabex jibda jmelles u jgħannaq
it-tondjaturi familjari ta’ ħaddejk
u mis-seħer li kont magħrufa għalih
ma jibqa’ xejn għajr il-fama
ta’ ħafna raxx iraxxax xintilli
qisu r-ragħwa tal-mewġ li jitfarrak ma l-irdum.

Li jiġri huwa
li jiena nibqa’ nishar hawnhekk waħdi
kif minn dejjem kont imdorri
f’solitudni sielma
li tistaqsi u titterrompi
ir-ritmi tal-baħħ ta’ċikli kosmiċi
li kienu minn dejjem u jibqgħu għal dejjem.

Imbagħad niġi ninxteħet għarkubtejja
quddiem l-artal tiegħek biex nammetti
li iva hemm tassew imħabba
li talterna mat-tradiment
bħal pindlu tal-bandla tal-ħin għaddej
mingħajr ma jtektek,
u li jiena u inti hekk biss irridu
nsibu l-miżien  tagħna.

Issa li għajnejja ntlew biċ-ċpar
u dahari miel bit-toqol ta’ ħafna snin
insellem mingħajr ma naf għaliex
is-sebħ ta’ jum ieħor.

Alfred Grech
06/03/2019

No comments:

Post a Comment