Friday 29 March 2019





L-Għanja Tal-Poeta.

Din hi l-għanja li qed tidwi
U tiffiltra minn kull xaqq
Qiegħda tidwi u tinstema
U tivvjaġġa bla tindaqq.

Ma kull mewġ ma kull tqanqila
Mal-buffura jew mar- riħ
Kull ċaqliqa tan-natura
Tkun bħal sejjħa minnufiħ.

Din hi l-għanja li tixxokkja
Jew bħal balla fi skaroċċ,
Din hi diska qed tinbarax
Jew insult mitfugħ bl-addoċċ.

Din hi xrara li tiħallat
Mal-ilwien tal-univers,
Dan hu dawl għal min hu għami
Dan hu innu ftit divers.

Din hi sejjħa li titqanqal
Qalb l-iskart u t-terrapien,
Din hi l-għanja tal-poeta
Li trid timla’ kullimkien.

Alfred Grech
29/03/2019


No comments:

Post a Comment