Monday 14 August 2017




Għabex.

Qalb ir-riħa tas-sagħtar jasal l-għabex,
Imbewes  minn tal-lbiċ iż-żiffa tmewweġ,
Minn fuq il-baħar ħiemed ta’ jum sajfi.
Ħawnhekk fuq dil-quċċata jasal l-aħħar
Fit-trasfigurazzjoni tissenjala
It-tmiem tal-jum; il-ħawt tal-eżistenza.
Din l-at li naf, u din ir-ruħ li tnewwaħ
Li fiha mort nistrieħ fis-skiet tal-ħajja;
Hemmhekk fejn hemm il-baħħ u hemm il-ħemda
Tat-tmiem ta’ din id-dinja kif nafuha;
Viżjoni surreali fejn qed jidhru
Id-dellijiet u l-ħsejjes ta’ lejl mieles.
Hawnhekk fejn jien nintebah u nistordi
Kull meta għal rasi jitla’ l-ħsieb imfissed
Tal-Jien. Hemm min irid jitwekka bija
Bħal meta jien nitwekka b’ta’ħaddieħor
Il-mistoqsija.

Alfred Grech

12/08/2017

No comments:

Post a Comment