Tuesday 15 August 2017



Int Biss.
Int biss iżżomm iż- żmien fir-radda tiegħu
Fuq dan il-karużel idur mistħajjel
F’binarji fejn iridu għad jingħaddu
L-eoni ta’ kull żmien li qatt ma beda.
Int biss iżżomm in-nifs, iżżommni nagħaqad
Dawrien ta’ rota ddur taġ-ġifġifogu
Sabiex ma nħoss it-toqol taż-żmien jagħfas
It-toqol illi jgħawweġ dahar il-bhima
Tal-ħin għaddej fir-riti u ċerimonji
B’kuruna t-tnejn f’idejna nirrepetu
Iż-żibeġ bla kulur ta’ mantra antika.
Int trid iżżomm il-mixi bla jieqaf
T’arloġġ li kull ma jmur inaqqar pawsa
Bħas-susa tas-sekondi fejn jintradmu
Tamiet u qtiegħ il-qalb, kull sensazzjoni
Tal-bhima li milwija taħt it-toqol
Trid tbus it-trab tal-art fejn għad tindifen.
Int biss, jew l-illużżjoni li kull għada
Ikun aħjar mill-lum, jew din il-mixja
Trid twassal għal spettaklu fejn jinfaqgħu
Il-bziezaq tas-sapun u  l-miti kollha.
Ma jibqa’ xejn għajr id-dawrien tar-rota
Iddur bla skossi u taħli lilha nfisha.
Insib serħan fil-mixi ineżorabbli
Tal-ħinfejn nibqa’ moħbi l-istennija

Alfred Grech

15/08/2017

No comments:

Post a Comment