Thursday 3 August 2017



X’int Tagħmel Raġel Waħdek?

X’int tagħmel raġel waħdek.
Imdejjaq u ħosbien,
Imdawwar b’hafna nsetti
Ser jieklok id-dubbien.

X’int tagħmel raġel waħdek,
Mismut u tħares fiss,
Intbaħt li ż-żmien qed jagħfas
U xjaħt inkiss inkiss?

U sibt li l-għasfur għosfor
Xħin ftaħt idejk fl-imrar,
Il-bejta kienet tajjret,
l-għasfur kien tar u mar.

X’int tagħmel raġel waħdek
F’dal-lejl mudlam u mqit,
Jaqaw ser tgħodd il-kwiekeb
U tkejjel l-infinit?

Intbaħt li x’xoqqa f’moxta
Tiġik u ma terġax?
Iż-żmien trid treġġa’ lura
‘mma lura ma jerġax.

X’int tagħmel raġel waħdek
Fuq xifer dan l-irdum,
Qed taħseb x’jiġi wara
Dil-ħolma li se ddum?

Jiena l-poeta t’għada,
Nistqarr fuq dak li rajt,
Nistenna li se nara
Kitbieti fuq il-ħajt.

Jiena l-poeta t’għada,
Nixtarr u ngħożż iż-żmien,
Id-dellijiet li jgħaddu
l-ilwien ta’ kullimkien.

U nisraq mill-qawsalla,
Kull lewn li jagħmel sens,
Biex nerġa’ npinġi dinja
Tal-ħlewwa, serħ u wens.

Il-bogħod mill ġlied u l-gwerer,
Mibgħeda jew tnassis,
Il-kruha tat-tpattija,
Skonġura jew tqasqis.

Alfred Grech.
03/08/2017





No comments:

Post a Comment