Saturday 5 August 2017




Mhux Ħlief Il-Ħsieb Li Jberren.

Mhux ħlief il-ħsieb li jberren,
Il-ħolm li jagħmel bik,
Mirage li qatt ma kienet
Biex tiftaħ b’hekk l-aptit.

U dik l-imħabba kollha
U l-ġibda ta’ bla qies
Tiġġerra, tiġri u taħseb,
Misjuq mit-tmun tat-nies.

Dak kollu kien mistħajjel,
Bħal velu fuq iċ-ċpar
U tara, xejn ma jibqa’
Xħin tneħħi mbagħad l-istar.

U titla’ x-xemx filgħodu,
Il-bieraħ għadda u mar
U toħroġ it-tifkira
Bħal taġen fuq in-nar.

U kollox kien bħal ħolma
U kollox għadda u miet,
Bħall moħħ li baqa’ jaħseb
U spiċċa f’baħħ ta’ skiet.

Imqar li jiġi wara,
Li jkun determinat
Minn dak li kont qed toħlom
U taħrab is-siegħat.

U kollox ġara f’daqqa,
U kollox seta’ kien
F’binarji differenti
Ma jwasslu għal imkien.

Fuq linji paralelli
Li jistgħu qatt seħħew
Kull-ġrajja mhix bħall-oħra,
Jew dawk li qatt ma bdew.

Alfred Grech

05/08/2017

No comments:

Post a Comment