Thursday 31 August 2017




Ġie r-Riħ u Ħassar Kollox.

Gie r-riħ u ħassar kollox,
Il-passi mnejn għaddejt
Tal-mixja fuq ix-xtajta,
Kull għelm li kont ħallejt.

Kull torri li stajt tibni
Il-passi tar-riġlejn
Buffura riħ u tħassar
Kull kif ma baqa’ xejn.

Ix-xita tnaddaf kollox
U kollox mar mal-wied,
Dagħbien li jġorr mnejn jgħaddi
U l-kaos qed jidied.

Jekk ħsibt li ħloqt mogħdija
Fejn qabel ma kienx hemm,
Issib li ġiet il-ħamla
U kollox hekk jintemm.

U min għad jiġi wara
Ma jafx minn fejn għaddeejt,
Jew lanqas li kont inti
U lanqas minn fejn bdejt.

Għax aħna hawn fejn aħna?
Għax aħna m’aħna mkien,
Għax kollox għad jispiċċa
Għax m’aħna xejn ħlief żmien.

Alfred Grech
31/08/2017


No comments:

Post a Comment