Saturday 28 January 2017



110.

“When we don’t know where life is taking us we are never lost”. -  Paulo Coelho, “The Spy” p.68.

Int mara ta’ bla wiċċ u ta’ bla sura,
Li taf xi nħoss, li taf xewqati taqta’,
Xi prezz kont lesta tħallas biex jien ngħidlek
Li jiena tiegħek biss, li m’hemmx ħadd ieħor?
Int li kont lesta toqgħod hawn tistenna
Eternita’ biex tara fejn trid tasal,
Xi prezz kont lesta tħallas biex tkun ċerta
Li jien ma ninbidilx? Li dak li wiegħedtek
Kien l-eliżir li jagħmel il-mirakli?
Xi prezz hu tajjeb? Ebda prezz ma ħaqqni!
Hu biss il-jien li jrid isib il-milja tiegħu
Għax waħdu ma joqgħodx f’dina l-eżistenza
Tax-xejn u l-baħħ, mal-unita’ li jiena
Ma baqgħalix lil min nindirizzaha.

Alfred Grech
28/01/2017


No comments:

Post a Comment