Monday 16 January 2017



Ħalliha Tnixxi l-Poeżija.

Kull meta tiġi tgħidli ma nbaxxix
Il-barrikati jien inħallik hemmhekk biex tibqa’ mħawwla
Fit-trab li fih trabbejt.

Ħalliha tnixxi l-poeżija,
Bħalma tnixxi k-għajn tal-ilma ġieri,
Trid taħrab, ma tistax minn din it-tnalja
Mill-ħerqa li tintilef fit-twissija.
Għaliex iż-żmien li nuru rwieħna dgħajjfa
Issa għadda u mar,
Xħin nibda’ nħares fiss f’għajnejk
Minsubin hawnhekk biswit xulxin fuq dal-kafe’
Bħal twieqi għal ġol-abbissi tat-telfien,
Int tibda ssir il-mera tirrifletti
Il-mewġ seren u kwiet tal-infinit
Jirbombja ġewwa fija l-matra antika
Biex bejn in nifs ta’ sidrek tiela’ u nieżel
Tiskatta l-melodija intiwittiva
Ta’ x’tista’ tkun id-dinja ta’madwari
Mingħajr il-ħlewwa tiegħek.

Imbagħad tkun taf għaliex irrid inżomm il-bogħod
Inżomm il-ħabel ta’ Żefiru, ta’rwiefen maħrubin,
L-irwiefen tal-imħabba;
Bħal meta x-xita tħedded li se traxxax,
Bħall-arja xotta ta’ deżert li jikwi
L-irwejjeaħ ta dir-ruħ li għandha nixfa
Maqsuma u frammentata qiegħeda tfittex
Dik l-id li trid tiġborha.

Issa li l-lejl daħal il-ġew
Nistaqsi lili nnifsi u ngħid: Il-għala
Ma ngħollix ħarsti ‘l-fuq minn flok  ma nħares fiss f’għajnejk?
Għaliex kull meta nħares fiss f’għajnmejk, jien nara x-xefaq?

Alfred Grech.

16/01/2016

No comments:

Post a Comment