Wednesday 25 January 2017



Indifferenza.

Imqarr li naf li jien twelidt taħt kewkba feġġa,
Fi żmien ħażin u xejn ma jista’ jsir
Biex dan jissewwa.

Imqarr li għall-li ġej hemm min jiftakar
Li jien ma kontx il-vittma ta’ li ġara
‘Mma kelli l-ħila noħroġ minn dal-jasar
Li fih jinsab kullħadd u nħallas prezzu.

Kull meta nwieġeb “iva” għal din is-sejjħa
Ma nafx jiniex żbaljat jew viżjonarju
Għax ruħi qisha sit arkeoloġiku
Fejn jinżlu jħaffru.
U jekk tistaqsi bdiltx il-ħsieb, it-ton, l-istrateġija,
Jien nibqa’ ma nweġibx.

Jien naf li kont ilsir tat-trasparenza,
Passjoni, tqanqiliet jew entużjażmu,
Mistħija, qtiegħ il-qalb ukoll kburija,
Ta’ tradimenti, dwejjaq u rġulija.

Imm’ issa nerġa’ mmur nintefa’
Fix-xmara tifkiriet li tiġri b’lura.
It-tifkiriet imbagħad li jirxuxtaw
Xitana qalil – l-indifferenza.

Alfred Grech.

25/01/2017.

No comments:

Post a Comment