Friday 13 January 2017


Ħajjithom Hekk Għaddewha.


‘ Mma kif ma jintebħux
Li dan hu jasar ieħor
Filgħodu sveljarin
U ‘l-barra bħal ħaddieħor.

In-nies trid tmur għax xogħol
U taħli hekk ħajjitha
X’ser tagħmel lanqas taf
U tnin bil-mod saħħitha.

Qalulhom illi x-xogħol
Salmura jsir tal-ġisem,
Il-bpgħod minn dak li tħoss
Biex forsi tagħmel isem.

Ħajjithom ħlewha hekk
Fis-seħer tar-rutina
Ghax jaħsbu m’hemmx għalfejn
Għax saret din, duttrina.

Ħajjithom ħlewha hekk
Bla sens ta’ direzzjoni,
Għax b’kollox jaf l-Istat,
Tarax! bl-intuwizzjoni.

Mid-dar għax-xogħol, għad-dar,
Ħajjithom jekk għaddewha,
U jħarsu fil-passat
Ħajjithom kif hekk ħlewha?

U lanqas jindunaw
Li dan mhuwiex ħlief jasar,
U baqgħu ma ntebħux
U baqa’ ħadd ma basar.

Imbagħad xħin jirtiraw
Għalihom xi konkwista,
Quddiemhom hemm il-baħħ
U kollox sar bi żvista.

Alfred Grech
13/01/2017


No comments:

Post a Comment