Friday 6 January 2017



Jekk Trid Tieqaf Tistaqsi.

Jekk trid tistaqsi tieqaf
Jekk lili ma tafnix,
Minn bejn is-sħab tittawwal,
U bqajt ma tgħarafnix.

Hekk trid issir taf lili,
Mhux trossni ġo kexxun,
U l-għelm li twaħħal fuqu,
Ikun kull kif ikun.

Miniex oġġett li tmissu,
Inkella li tpinġih,
Li tagħġnu qisu tafal
U tagħmel li trid bih.

La mmur u lanqas niġi,
La qiegħed hawn ‘qas hemm,
U tista’ tpoġġi sebgħek
U tħossni ma naf kemm.

Jien lanqas kont il-bieraħ,
U għada ma tafnix,
Jekk ftaħt għajnejk tistaqsi,
Jekk rajtni m’għaraftnix.

Lil hinn minn dak li tara,
Jew dak li jista’ jkun,
It-toqol ta’ kull ħtija
Mingħajr ma tkun mgħejjun.

Lil hinn mill-biża’ t’għada
U l-għadab tal-ħelsien,
Jekk tfittex ftit is-sewwa,
Issibni kullimkien.

Alfred Grech

06/01/2017

No comments:

Post a Comment