Tuesday 22 November 2016



Hemm Saħħa Li Trid Toħroġ.

Hemm saħħa li trid toħroġ,
Hemm qawwa ma tidhirx,
Messaġġ li jrid jitwassal
Hemm bżonn li ma jaħfirx.

Hemm id-li lanqas tidher,
Hemm nifs li ma tħossux,
Hemm żiffa friska tmelles
Bħal kwiet li ma tifhmux.

Hemm skiet daqs bajda mimli,
Hemm ħemda ta’ bil-lejl,
Hemm ħsejjes mank tismagħhom
Profondita’ bla kejl.

Hemm għana ta’ bla noti,
Hemm ritmi ma tħosshomx,
Hemm żifna li tiżfinha
U passi ma tafhomx.

Hemm leħen isejjaħlek,
Tiltaqa’ bla ma taf
Ma min ma kontx tistenna
Biex tmur b’idejk indaf.

Hemm dlam fejn tista’ tara,
Hemm dawl li ma jagħmix,
Miżien imdaqqas f’sikktu
U toqol ma jifnix.

Hemm qawwa li trid toħroġ,
Hemm saħħa ta’ bla qies,
Hemm seħer li jimlielek
Ir-ruħ, il-bogħod min-nies.

Hemm int li qed iġġebbed,
U ġġebbed mhux bil-ftit,
Sabiex f’dal baħħ jien negħereq,
Il-baħħ tal-infinit.

Alfred Grech

22/11/2016

No comments:

Post a Comment