Monday 21 November 2016



Lilhinn Mis-Sensazzjoni Hemm il-Baħħ.

Lilhinn mis-sensazzjoni hemm il-baħħ;
Il-baħħ li fih nintilef kull filghodu,
Kull xħin inqum; xħin tgħidli mintix ġejja,
U nibda nħoss sisien is-swar jirtgħodu.

Lilhinn mis-sensazzjoni hemm il-ġenn;
Il-ġenn ta’ xħin infittexek,bla ma nsibek;
Il-ġenn li lanqas biss ma jaf jistenna
Kull meta  nisma’ u nibda nġorr salibek.

Lilhinn mis-sensazzjoni hemm l-irdum;
L-irdum li fih nittarraf sa ma naqa’,
Hemm uragan tal-ewforija friska
Li ġġor mat-taħwid tiegħek kull ma baqa’.

Tgħannili bħas sireni xi daqqiet
Semaforu li jidħol ġewwa demmi;
X’jimporta li did-dinja ddur żugraga,
Jekk ġewwa fiha bejta tad-dilemmi.

Alfred Grech

21/11/2016

No comments:

Post a Comment