Monday 14 November 2016


X’Ikun Għalik Ifisser.

X’ikun għalik ifisser kull xħin ngħidlek
Li dak il-ħin inkun qed naħseb fik.
Bħal dell kull fejn immur insibek miegħi,
Bħal anġlu li wrajk jiġri bla jurik.

Hemm ħafna milli tgħidli li jbeżżgħani,
Hemm ħafna milli tgħid bla sens ta’ xejn,
Imbagħad xħin nerġa’ lura d-dar nistaqsi,
Dil-kobba mħabbla u dat taħwid għalfejn?

Hemm ħafna li ma nafx: mhux ser nistaqsi
Għax nibża’ li se nweġġa’ lili stess,
Kif jgħidu, l-għajn ma tara l-qalb le tuġgħa
U naf li flok ħaddieħor jien rifless.

Hemm ħafna affarijiet minn dak li tgħidli,
Aħjar moħbija jibqgħu ġewwa d-dlam.
Biex ngħixu kif jafuna n-nies tad-dinja
U qatt ma jsiru jafu x’fih id-dramm.

Hemm ħafna kliem li tgħidli u mank jinftiehem
U naħseb nibqa’ jien l-ossessjonat.
Kulltant nistħajjel li tkun int innifsek
Li tweġġa’ u tiġi b’ġismek mimli swat.

Alfred Grech

14/11/2016.

No comments:

Post a Comment