Friday 25 November 2016



Marsusin.

Marsusin fihom infushom
Oqbra mkaħħlla
Niċeċ battala.
Jekk isselmilhom jaħsbu ħażin.
Jekk tibqa’ għaddej tkun l-ikbar raġel,
M’hemmx kunfidenzi.
Għaliex il-barrikati jibnuhom huma
Kif imdorrija, bil-mod kif jaħsbu.
Il-fruntiera huma tagħhom
U jiena sal-lum għadni ma nafx
Ma nifhimhomx
Ma nagħrafhomx,
Ma naqdihomx
Jew ma nsibhomx.

Marsusin fihom infushom
Għalxejn tberrħilhom qalbek
F’dal-ħabs uman, f’dal gaġeġ inviżibbli
Immanifatturat
Mill-injoranza.
Dawm ħsibijiet li jgħaddu minn moħħi
Sa meta nasal ħdejk
Imbagħad jinbidel kollox.
Għax l-emozzjoni bħal poeżija
Iddum għal-ftit.

Magħluqin u marsusin fihom infushom
U m’hemm xejn li jistgħu jagħmlu
Għax midrubin u feruti.

Alfred Grech

25/11/2016

No comments:

Post a Comment