Sunday 5 February 2017



Għalhekk Dil-qalb Ma Tista’ Tħobb Qatt Aktar.

Għalhekk dil-qalb ma tista’ tħobb qatt aktar,
Għaliex iġġorr it-toqol tal-valiġġi
Ta’ vjaġġatur li kull ma jmur jitbiegħed
Mill-ħsejjes ta’ kulljum imprevedibbli.

Għalhekk dil-qalb ma tista’ tħobb qatt aktar,
Għax għadha ġġorr l-imgħoddi fuq spallejjha
Għax l-imħabbiet ta’ qabel kienu vojta,
Għax dak li deher sabih u trasparenti
Ftit wara deher li ma kien xejn ħlief żlieġa.

Għalhekk dil-qalb ma tista’ tħobb qatt aktar,
Għaliex il-biża kbir li tista’ tfalli,
U tidħol fil-binarji tar-rutina
Li tifga l-ġenju, u s-seħer tas-sorpriża.

Għalhekk dil-qalb ma tista’ tħobb qatt aktar,
Inħarqet kemm il-darba fuq gradilja
U kienet kemm il-darba hi stess il-vittma
Ta’ twemminha. tal-ħares stess li ħolqot.


Għalhekk dil-qalb ma tista’ tħobb qatt aktar,
Għaliex l-aljenazzjoni qed tnessiha,
Għaliex m'obdietx is-sejħa tas-sibilla,
Għaliex l-għannej infexx fil-melodija
Biex jisma’ s-skiet tal-infinit u l-ħemda.


Alfred Grech
05/02/2017


No comments:

Post a Comment