Wednesday 22 February 2017



Jiena.

Jiena li b’dawn il-versi ninbni qiegħed
Piramida li tibqa’ għal wara mewti.
Jien, li norqom u ninseġ fuq it-tila
Ta’ ħolm u tixbieħat biex xi ftit ninsa’
Li din biss illużżjoni u mhi xejn aktar,
Ibbalzmat u marsus ġo dawn il-versi
Li għandhom mil-lampik ta’ fwar in-niket,
Uġih ta’ min irid ta’ kull filgħodu
Jibda mill-ġdid. Iġerbeb ġebla għat telgħa!

Jiena li b’dawn il-versi li qed nikteb
Nagħti xhieda ta’ ruħ imbarazzata,
Li għadni bħal ħaddieħor qiegħed nagħraf
Li dan mhu xejn għajr xejn u mhu xejn aktar,
U ħolm li qatt ma kien u li tmiss b’ idek.

Jiena li b’dawn il-versi rrid xi darba
Ninsa’ minn fejn għaddejt, minn fejn ridt ngħaddi
Wara li tkeċċejt minn fuq olimpu,
U nieżel bqajt nitgerbeb daqs Hefestu,
Tiġini t-tentazzjoni nibqa’ ngħanni,
U nikteb, u ngħanni għall-dejjem ta’ dejjem.

Din hija t-tentazzjoni ta’ kull darba
Li nqum u nibda nħoss in-nuqqas tiegħek,
U wara li nintebaħ, niġi f’tiegħi
Int tgħid li jien kattiv u ta’ qalb iebsa.

Alfred Grech
22/02/2017.

No comments:

Post a Comment