Wednesday 8 February 2017



Il-Bogħod Li Hemm bejnietna.

Mhix qed tasallek sa mniffsejk
Dir-riħa li mhi xejn għajr perċezzjoni,
Biex tislet minn ġo ħobbna s-sentimenti
U s-skiet ta’ dejjem?
Jien issa priġinier fi ġnien li ħloqtli,
U gbart il-ward li sibt sabiex infewwaħ
Kull rokna ta’ ħajjitna.
Int sirt tas-swied il-qalb il-werqa
Tittajjar fuq il-wileġ u l-praterji.
Il-qamar libes libsa u qed jindokra
S-sensazzjonijiet li tlifna
U l-kwiekeb qed jiddandnu u ma jindunawx
Bil-bogħod li hemm bejnietna.

Kull kantuniera tfisser tappa ġdida
F’dil-mixja l’għad trid twassal x’imkien ieħor
Lil hinn mix-xifer.
Kull leħħa dawl li tidher qed naħsbuha
Il-beraq tal-allat; id-dawl tad-dinja.

Hekk jien nixtieqek bħalma lmaħtek,
Ma tinqabadx . . .
U taf tiskappa n-nasses kollha tan-nassaba.

Kull xħin inħares lura magħad nintebaħ
Li l-bogħod li hemm għax konna nimxu.

Alfred Grech

08/02/2017 

No comments:

Post a Comment