Friday 3 February 2017



Twelidna Lkoll Ilsiera.

Twelidna lkoll ilsiera
U nieħdu ħafna żmien
Sabiex ix-xibka nqattgħu
Li ddawwar kullimkien.

Ix-xibka tifrex ħafna
U b’morsa tal-ħadid,
Ixxekkel moħħ kull wieħed
U tobdi bla ma trid.

Biex toħroġ minn ġo morsa
Ta’ ħafna liġijiet,
Tat-taxxi u tal-morali,
U ħafna ħmerijiet.

Biex tibda taħseb b’moħħok,
U tagħmel affarik,
Tgħidx kemm trid taħraq andar,
U l-għejja tagħmel bik.

Biex tibda taħseb b’moħħok,
Tkun taf il-verita’,
Ma tkunx il-perċezzjoni
Li ttik is-sigurta’.

Ta’ kliem imqit u żibel,
Tgħajjir u tfih ta’ tajn,
Il-wirt ta’ min jaħkimna,
Biex nagħmlu bħall-oħrajn.

Sakemm għad hemm il-ħajja,
U għadna mal-ħajjin,
Ħa nidhru nagħmlu bħalhom
Ħa nibqgħu magħfusin.

Alfred Grech
03/02/2017


No comments:

Post a Comment