Thursday 14 December 2017



Klawsura.

Ma nħalli ‘l-ħadd hawn jidħol
U jirfes f’dil-klawsura,
Jittawwal fis-skiet tiegħi
U jdur u jerġa’ lura.

Imm’int tkun l-eċċezzjoni
Li sibtek hawn quddiemi
Ridt taqsam dal-bogħod kollu
U tfittex hawn minn kmieni.

Inġegħelek terġa’ lura,
Ma wiċċek bieb insabbat?
“Mma naf li hawn se tibqa’
Biex terġa’ tibda tħabbat.

Għalik din avventura
Trid tidħol fis-skiet tiegħi,
U tikxef kull misteru
U s-seħer li nġorr miegħi.

Għalek il-bieb niftaħlek
Nistiednek tidħol ġewwa
U toqgħod tikkuntempla
Xi jfisser sewwa sewwa.

Niftaħlek kemm niftaħlek
Tittawal mhux ġo fija,
Tkun tħares lejk innifsek,
Tingħażel ftit mill-bqija.

Alfred Grech
14.12.2017



No comments:

Post a Comment