Saturday 2 December 2017



Naf Biss Li Nbidel Kollox.

Int tirrifletti fija
Jien nirrifletti fik
Xħin negħereq ġo dal baħar
U l-ħemda tagħmel bik.

Int tħares ġewwa l-mera
U għalhekk ma taranix,
Jien mhux ħlief nittawwallek
U int tgħid li ma tafnix.

Għax qatt ma tista’ tifred
Is-siġra mill-għeruq,
Tiġġieled mal-kurrenti
Li minnhom tkun misjuq.

Mad-daqq tat-trombi niżfnu
Ninġarru mal- kurrent,
Mitlufa ġoll-arena,
Jew nisħtu dal-mument.

Inti  ssejħilha mħabba,
Jien din ma nafx x’inhi
Naf biss li nbidel kollox
U l-ħajja hi dik li hi.

Alfred Grech
02/12/2017


No comments:

Post a Comment