Wednesday 20 December 2017


Tkellimni d-Dehera Tiegħek.

Tkellimni d-dehera tiegħek
Tkellimni b’mod distint,
Il-par għajnejn li jinfdu
U kollok int kemm int.

Il-forma, t-tondjaturi
It-tul u l-wisa’ strett,
M’hemmx żejjed lanqas nieqes
Għax kollox hu perfett.

Int wild l-allat t’olimpu
U tqawwi ferħ ir-ruħ,
Int friska fl-armonija,
Qalb ġnien ta’ ward ifuħ.

Min int qatt mhu se tgħidli
Intix ħolqien il-għatx,
Inkella fissazzjoni
X’ħin ġejt għalik ma bagħattx.

Imbagħad tissorprendini
Titfaċċa minn x’imkien
Taħsadni u lanqas nibqa’
F’sensija u naf min jien.

Laqtitni d-dehera tiegħek
Għalkemm bqajt ma nafekx
Ninnamra ma sbuħitek
Imqar jekk ma nilħqekx.

Int biss is-simetrija
Tal-qalba tagħtti x-xtur
Inkella simulakru
Li jqarraq b’kull ma jmur.

U bdiltek ma kull waħda,
Naħsibha li tkun int,
Din biss hi fissazzjoni,
Ma nafx jekk iġġennintx.

Alfred Grech

20/12/2017

No comments:

Post a Comment