Wednesday 6 December 2017



Ermitaġġ.

F’dawn l-ermitaġġi mdendla ta’ ħajjitna
Qed nimxu l-mixja tagħna solitarja,
Qed ngħixu l-ħabs imqit ta’ kull distanza,
Kull univers idur ma ta’ madwaru.
Għax hu mod ieħor kif trid tgħix dil-ħajja;
Dan hu l-misteru li kull min qed jgħixu
Iħossu l-eremita qed ifannad
Fis-dlam tas-skiet u x-xejn li hemm ġo fina.

Għoljiet u ħotob ta’ pajżaġġ imċajpar,
Joborxu l-poeżija li rrid nikteb,
Il-muża ma tiġix u lanqas inti,
Induru u nimxu b’mistoqsija mdendla.
Ma weġibtekx mhux għax ma ridtx imwieġbek
Għax lanqas jien ma naf x’inhi t-tweġiba.
Jien ridt nittawwal ġewwa, fis-skiet tiegħek
Kien biss is-skiet ta’ ħajjti li ridt nisma’.
Issib, jekk tiġi tħabbat, qalb mimlija
Bil-kurżita’, nirien u lwien ta’ mħabba.
Kun af biss ħaġa waħda: dal-misteru
Mhuwiex l-istess jew ma jkun xejn mingħajrna.
Xħin ninżgħu dan l-ilbies u mmissu l-ġilda,
Insibu lil qiegħedin niftiehmu aktar.

Alfred Grech  

06/12/2017

No comments:

Post a Comment