Thursday 28 December 2017


Joħolmu L-Ippopotami.

Joħolmu l-ippopotami u jinżlu jirgħu l-anġli
F’din l-għadira t’ilma qiegħed
Fejn int u jien noqgħodu nirriflettu
X-xbieha antika taghna stess
U nitpaxxew b’dak li naraw
Inkella bli jgħidulna dawk li jindukrawna.

Bħal ward ilellexqrib it-tarf
Mnejn jgħaddi l-ilma rifreskanti
Noqgħodu nishru f’dan il-wied tat-tempji
U mbagħad nitħassru lilna nfusna jew nitħassbu
Fuq il-misteri katalogati.

Bħal kewkba inti tpetpet u lanqas trid titħarrek.

Xi minn daqqiet ibillu griżmejhom iċ-ċentawri
Li jitfaċċaw mill-boskijiet mudlama
Biex jagħllmuna kif infiequ
Mill-weġgħa ta’ kulljum,
Inkella nagħarfu ngħixu biha
U b’hekk insiru għorrief inkella mitoloġiċi
Wisq iktar milli aħna.

U xorta waħda jitfaċċaw il-kukkudrilli
Lesti jibilgħu il-ħrejjef li jħarrfu dawk tas-setgħa
U għax aħna mansi fi drawwietna u f-dak li nemmnu
Jiċċirkundawna biex nidħlu aħna wkoll fil-merħla tagħhom.

Wara dawk il-par għajnejn u l-par xofftejn
Mhemm xejn, hemm univers mistur.
Jien ridt inkun bħal warda li tiċċassa
Imsammar maż-żegliga li tiżżegleg
kull meta lejja tersaq
b’xufftejk imbexxqa.

Alfred Grech

28/12/2017

No comments:

Post a Comment